Ritratti: Żagħżugħ jispara f’sinagoga fl-Istati Uniti; joqtol mara, 3 feruti

Reuters

Żagħżugħ daħal f’sinagoga fiż-żona ta’ San Diego fl-Istati Uniti nhar is-Sibt u fetaħ in-nar fuq in-nies li kienu qegħdin jitolbu. Mara mietet u 3 persuni oħra huma feruti f’dan il-każ li qed jitqies reat razzjali.

Għal-Lhud, dan kien il-jum imsejjaħ Sabbath, l-aħħar ġurnata tagħhom tal-perjodu msejjaħ Passover, parti mit-tradizzjoni tal-Għid il-Kbir. Is-suspettat ħarab minn fuq il-post b’karozza, iżda ċeda u ta lilu nnifsu lill-pulizija iżjed tard.

49 akkuża oħra ta’ qtil għat-terrorist li attakka moskej fi New Zealand

Huwa ġie identifikat bħala John Earnest, żagħżugħ ta’ 19-il sena minn San Diego stess, li apparantament kiteb manifest li fih kien hemm miktub li ta n-nar lil moskea viċin ix-xahar li għadda, u li ispira ruħu mir-raġel li fetaħ in-nar f’2 moskej fi New Zealand u qatel 50 persuna. Iż-żagħżugħ ma kienx magħruf mal-pulizija u kellu kondotta nadifa.

Nirien f’moskea f’Kalifornja; graffiti li jsemmi l-attakk ta’ New Zealand

Il-pulizija ta’ San Diego u l-FBI qalu li qegħdin jinvestigaw l-involviment possibbli ta’ Earnest f’nirien li ħakmu ċ-Ċentru Iżlamiku ta’ Escondido fl-24 ta’ Marzu. Ħadd ma kien weġġa’.