Żagħżugħ jintbagħat il-ħabs; akkużat li ħaraq il-karozza tal-eks tfajla

    Kordin-prison
    Miguela Xuereb

    Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar intbagħat l-ħabs wara li ġie akkużat fil-qorti li ġimagħtejn ilu li kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tal-eks tfajla tiegħu u s-sieħeb tagħha, li hu riċediv u li m’obdiex kundizzjonijiet tal-Qorti u ħaraqlu l-karozza.

    L-Ispettur Jeffrey Scicluna xehed li l-eks tfajla tal-akkużat allegat li l-imputat ftiehem ma’ raġel ieħor biex jaħarqu l-karozza tas-sieħeb tagħha. L-Ispettur Scicluna qal li dan ir-raġel identifika lill-akkużat bħala l-persuna li ħarġet bl-idea li jsir ir-reat.

    Fil-Qorti, l-imputat qal li ma jaħdimx u li missieru qiegħed il-ħabs. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

    Il-Maġistrat Ian Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna biex jibqa’ miżmum arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.