Żagħżugħ jinstab mejjet fit-triq fin-Naxxar

Żagħżugħ ta' 17-il sena minn Ħal Balzan instab mejjet fit-triq fin-Naxxar.
Il-każ seħħ fit-Triq il-Kbira, qrib il-Higher Secondary hekk kif Matthew Demicoli kien fi triqtu lejn l-iskola.
Il-Pulizija kienet infurmata ftit wara t-8 ta’ dalgħodu li kien hemm żagħżugħ mal-art fit-Telgħa tal-Għaqba.
Fuq il-post issejħet l-ambulanza iżda ż-żagħżugħ ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-kawża tal-mewt għadha mhix magħrufa u mistennija ssir awtopsja. Mhux eskluż li ż-żagħżugħ miet b'kawża naturali.
Il-Maġistrat tal-Għassa Consuelo Scerri Herrera ġiet infurmata bil-każ u ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.
Fuq Facebook, il-komunità tal-iskola li jattendi, Giovanni Curmi Higher Secondary qalet li din hi ġurnata ta' dieqa għall-iskola u li kulħadd jinsab ixxukjat bl-aħbar.
Il-Pulizija qed tinvestiga.