Żagħżugħ jinqaleb bil-karozza wara li jaħbat ma’ ċint

Żagħżugħ ta’ 21 sena min-Naxxar weġġa meta kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ għal ħabta ta’ nofsillejl fi Triq Għajn Tuffieħa f’San Pawl il-Baħar.

Jirriżulta li ż-żgħażugħ kien qiegħed isuq fid-direzzjoni tax-Xemxija meta għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura, baqa’ dieħel f’ċint u nqaleb.

Fuq il-post issejħet l-assistenza tal-Pulizija kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, li kellhom iqattgħu il-vettura.

Iż-żagħżugħ ittieħed l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.

Huwa sofra minn ġrieħi għalkemm il-kundizzjoni medika tiegħu mhux magħrufa.