Żagħżugħ inqaleb bil-karozza u ma weġġax

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 22 sena tilef il-kontrol tal-vettura, ħabat ma’ karozza u nqaleb bil-vettura b’kollox iżda ma weġġgħax.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija fl-Għasri, Għawdex.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Pulizija li spjega li l-każ seħħ fid-direzzjoni lejn l-Għasri għall-ħabta tas-10pm. Il-Pulizija marru fuq il-post sabiex jassistu fil-każ.

Fuq il-post, sabu li ż-żagħżugħ ta’ 22 sena minn Ħal Qormi u l-passiġġier li kien irnexxielu joħorġu mill-karozza. Il-karozza inqelbet b’tali mod li ġiet fuq is-saqaf. Huwa ma sofrew l-ebda ġrieħi. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra Ġermaniż li joqgħod ir-Rabat, Għawdex ma weġġgħax lanqas.

Il-karozza ġiet irmunkata filwaqt li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili naddfu t-triq sabiex jiġi evitat kull tip ta’ periklu għal vetturi oħrajn.