Żagħżugħ jinħeles mill-arrest wara li nqabad bi 840 gramma tal-kannabis

CMRU

Żagħżugħ suspettat li jittraffika d-droga ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li nżamm arrestat b’mod preventiv għal disat ijiem.

Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena ġie arrestat wara operazzjoni ta’ sorveljanza li għamlet l-Iskwadra tad-Droga fi ħdan il-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Jonathan Cassar li xehed fil-qorti lbieraħ fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.

L-Ispettur spjega kif l-uffiċjali tal-pulizija kienu qegħdin jissorveljaw karozza li daħlet f’garaxx f’Santa Venera. Is-sewwieq twaqqaf mill-pulizija fi pjazza qrib. Għall-ewwel ipprova jaħrab billi jsuq lura, imma l-pulizija lemħu raġel ieħor bilqiegħda maġenb is-sewwieq.

It-twieqi u l-bibien tal-karozza kienu msakkrin u s-sewwieq irrifjuta li jċedi u joħroġ mill-karozza, allura l-pulizija kellhom jifqgħu tieqa minnhom.

Fil-karozza sabu 10 grammi tal-kannabis u €3,000 flus kontanti. Għalhekk, arrestaw liż-żewġ irġiel hemmhekk stess.

Ġo garaxx ieħor f’Ħal Balzan li kien daħal fih iż-żagħżugħ dakinhar sabu aktar minn 700 gramma tal-kannabis u boroż tal-plastik bit-traċċi tad-droga. L-Ispettur Cassar qal li ż-żewġ irġiel kienu ltaqgħu dwar xi ftehim fuq droga.

Mill-messaġġi ta’ bejniethom, il-pulizija kkonfermaw is-suspetti tagħhom, għalkemm l-akkużat ammetta li għandu problema tad-drogi. Espert tal-qorti kkonferma li d-droga misjuba tammonta għal 840 gramma ħaxixa tal-kannabis.

Ir-raġel l-ieħor li ġie arrestat xehed ilbieraħ ukoll imma b’bibien magħluqin.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tas-sewwieq tal-vettura, b’depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa jrid jiffirma l-għassa kuljum u jsegwi l-ħin mogħti lilu biex ikun barra.

Il-każ għandu jkompli.