Aġġornata: Jinżamm taħt arrest talli gidem surġent

Surġent tal-Pulizija ġie aggredit waqt li kien qed jaqdi dmiru, hu u jipprova jikkontrolla raġel aggressiv, li nżamm arrestat.

Ir-raġel ta’ 22 sena mill-Burkina Faso, huwa bla dar, u l-pulizija kienu qed jippruvaw jiħduh fix-xelter fejn joqgħod f’Birkirkara meta ġara l-inċident.

Il-pulizija rċevew rapporti billejl, għall-ħabta tas-1am, li kien hemm raġel jitlajja barra residenza fir-Rabat u jtellef il-paċi pubblika. Il-pulizija marru fuq il-post fejn offrew lir-raġel li jwassluh id-dar. Hu aċċetta, iżda ladarba wassluh, huwa rrifjuta li jinżel mill-karozza.

Għalhekk, il-pulizija ħaduh l-għassa tal-Ħamrun, fejn bdew ifehmuh għaliex ma setax joqgħod quddiem dik ir-residenza.

Mill-għassa, huwa reġa’ mar fil-karozza tas-servizz minn jeddu, u rrifjuta li jinżel. Ma bediex jikkopera mal-pulizija u beda jsir aggressiv. Il-pulizija ppruvaw joħorġuh mill-karozza, f’liema mument ir-raġel gidem lis-Surġent.

Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa, iżda rriżulta li ma kellu l-ebda ġrieħi. Is-Surġent ittieħed l-isptar bl-ambulanza u ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Waqt li ghadna nistennew ghal kundizzjonijiet ahjar min naha tal-gvern, pulizija rega safa agredit. Solidarjeta Surgent…

Posted by Malta Police Association on Thursday, August 16, 2018

Skont midja lokali, l-akkużat kien qiegħed fuq ħelsien mill-arrest fuq każ ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, bil-kundizzjoni li ma jersaqx lejha. Qed jingħad li r-Rabat, kien barra r-residenza tagħha. Huwa wkoll riċediv, u qed jinżamm arrestat.