Żagħżugħ jiċħad li stupra u kkorrompa 3 tfajliet

Read in English.

Żagħżugħ ċaħad akkużi li stupra lil tliet żgħażagħ u qed jinżamm arrestat.

Iż-żagħżugħ li qal li għandu 24 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli llum, akkużat bil-pussess tal-kannabis, li ttraffika lil minorenni biex jużahom f’attivitajiet illegali, li stuprahom u kkorrompiehom, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajliet taħt l-età, u li weġġa’ ħafif lil waħda mit-tfajliet.

Huwa mis-Somalja iżda joqgħod Birżebbuġa ma’ xi ħbieb. Wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti semgħet li investigazzjoni konġunta tal-Iskwadra tal-Vizzji u dik tad-Drogi osservat sekwenza ta’ kif bdew jisparixxu u mbagħad jerġgħu jitfaċċaw tliet tfajliet ta’ 13 u 14-il sena mill-istitut fejn kienu qed joqogħdu. It-tfajliet imbagħad imorru lura b’affarijiet ġodda, bħal mowbajls.

Mill-investigazzjoni ħareġ li l-akkużat kien jagħtihom il-flus biex jixtrulu d-droga. Kien jistuprahom fil-preżenza ta’ xulxin.

Waqt li kien qed jiġi arrestat, huwa pprova jaħrab billi qabeż minn ġot-tieqa għal ġol-binja ta’ ħdejn daru.

Huwa ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u qed jinżamm arrestat. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tfajliet.