Żagħżugħ jiċħad li stupra mara fil-bajja San Ġorġ; jinħeles mill-arrest

Żagħżugħ inħeles mill-arrest wara li fil-Qorti ċaħad li stupra mara f’San Ġiljan.

Is-Sirjan ta’ 22 sena ġie arrestat wara li mara Spanjola identifikatu bħala dak li stupraha fil-bajja ta’ San Ġorġ fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Frar. Minkejja li r-rapport għamlitu fi Frar, huwa ġie akkużat fit-8 ta’ Marzu meta l-mara identifikatu f’Paceville.

Iż-żagħżugħ joqgħod Gwardamanġa u bħalissa m’għandux impjieg.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella, tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000. Hija ordnatlu jiffirma l-għassa ta’ Birkirkara, u wissietu biex ma jkellimx lix-xhieda. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara.