Żagħżugħ jhedded lil missieru; jinħeles mill-arrest

Arkivji

Żagħżugħ mill-Kalkara ġie akkużat talli hedded lil missieru u tah fastidju waqt argument fil-familja.

Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena tressaq il-Qorti dalgħodu, wara li ffastidja lil missieru billi ċempillu numru ta’ drabi u heddu bi vjolenza.

Huwa ġie akkużat ukoll li pprova jattakka lil missieru meta segwih sal-għassa tal-pulizija ta’ Bormla. Il-missier mar hemm biex jirrapporta lil ibnu, imma waqt li kienu l-għassa, qam argument bejniethom li faċilment seta’ jwassal għall-vjolenza li kieku l-uffiċjali tal-pulizija ma intervjenewx biex iferrquhom.

Fil-battibekk, saret ħsara lill-uniformi ta’ uffiċjal minnhom.

Minn din il-ġlieda, iż-żagħżugħ kiseb ukoll akkużi ta’ għajjat, ġlied u lingwa oxxena, kif ukoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija.

Iż-żagħżugħ qal li mhuwiex ħati u ngħata ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5000.