Żagħżugħ ifiq mill-kanċer: “Papa Benedittu għamel miraklu fuqi”

Ta’ 17-il sena, iż-żagħżugħ Amerikan Peter Srisch sar jaf li għandu l-kanċer fil-kaxxa ta’ sidru u l-ikbar xewqa tiegħu kienet li jiltaqa’ mal-Papa Benedittu XVI. 

Illum il-ġurnata Peter għandu 19-il sena u fieq mill-kanċer.  Jgħid li rebaħ il-ġlieda tiegħu mal-marda grazzi għal miraklu li għamel fuqu Benedittu.

Iż-żagħżugħ irriulta li kellu kanċer fi stat avvanzat f’sidru, ikbar minn ballun tat-tennis. 

Omm Peter, Laura Scrish tgħid li binha xtaq jara lill-Papa f’Ruma u l-ħolma tiegħu saret realtà ftit wara meta rnexxielu jiltaqa’ mal-Papa u rrakkuntalu l-mument iebes li kien għaddej minnu.

Wara li sema’ l-istorja tiegħu, il-Papa Emeritu poġġa jdejh fuq sider Peter u qal talba biex ifieq.  Peter jgħid li baqa’ skantat għax mingħajr ma kien jaf fejn jinsab il-kanċer, Benedittu qabadlu jdejh u poġġihielu fuq sidru.

Sena wara minn dik il-laqgħa, il-kanċer ta’ Peter sparixxa, u llum iż-żagħżugħ qiegħed it-tieni sena l-università jistudja biex isir saċerdot.