Żagħżugħ jaffaċċja 35 akkuża

Żagħżugħ qed jiġi akkużat b’xejn inqas minn 35 akkuża relatati ma’ hit-and-run, serq ta’ vetturi, sewqan perikoluż u mingħajr liċenzja kif ukoll serq ta’ vetturi.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena tressaq il-Qorti mill-Ispettur Pierguido Saliba quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-Ispettur Saliba spjega kif iltaqa’ mal-akkużat waqt ronda f’Ħal Safi nhar it-Tlieta li għaddew.  Huwa qal li nnota li ż-żagħżugħ kien qed iserrep bil-karozza tiegħu fejn tela’ l-bankina u daħal ġo ħajt.

L-imputat ammetta mal-pulizija li l-karozza kienet misruqa u kien seraq vetturi oħra li però ħalliehom warajh għax ma kinux qed jaħdmu. Iż-żagħżugħ ittieħed id-depot għal aktar investigazzjonijiet.

Iż-żagħżugħ, deher jitbissem fil-Qorti u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-Avukat tiegħu jitlob għal social inquiry report.

Il-Qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa, erba’ darbiet fil-ġimgħa.

Il-Maġistrat widdbu li l-akkużi miġjuba kontrih ma kinux tad-daħk u avżah biex joqgħod ‘il bogħod mill-inkwiet.