Żagħżugħ gravi wara ħabta bejn tliet karozzi

Żagħżugħ ta’ 21 sena ddaħħal Mater Dei bi ġrieħi gravi wara ħabta bejn tliet karozzi f’Birżebbuġa.
Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ ilbieraħ billejl, għall-ħabta tal-10.15pm fi Triq Ħal Far, xħin il-karozza misjuqa miż-żagħżugħ, li joqgħod il-Marsa, ħabtet ma’ karozza oħra misjuqa minn raġel ta’ 54 sena residenti Ħal Qormi.
Ir-raġel minn Ħal Qormi ma ġarrabx ġrieħi.
Madankollu l-inċident ma waqafx hemmhekk, hekk kif il-karozza taż-żagħżugħ mad-daqqa baqgħet dieħla f’karozza oħra li fiha kien hemm sewwieqa ta’ 27 sena residenti Ħal Kirkop u passiġġiet ta’ 58 sena li wkoll joqgħod Ħal Kirkop.
Is-sewwieqa ma sofrietx ġrieħi, u r-raġel ittieħed f’ċentru tas-saħħa għal xi kura.
Fuq il-post mrru anki membri tal-Protezzjoni Ċivili.