Żagħżugħ gravi wara ġlieda f’Paceville

Żagħżugħ qed isofri ġrieħi gravi wara ġlieda li kellu ma żagħżugħ ieħor f’San Ġiljan.
L-inċident seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-5:30am, meta l-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan ġew infurmati bil-ġlieda li kienet qed iseħħ fi Triq San Ġorġ, magħrufa bħala t-taraġ ta’ Paceville.
Malli waslu fuq il-post sabu li ż-żgħażagħ, it-tnejn Indjani, li għandhom 27 u 29 sena, kienu sofrew xi ġrieħi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei.
Aktar tard irriżulta li ż-żagħżugħ ta’ 29 sena kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li dak ta’ 27 sofra ġrieħi ħfief.