Żagħżugħ Għawdxi elett Viċi Chairman tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej

Beppe Galea, student Għawdxi fl-Università ta’ Malta ġie elett bħala Viċi Chairman tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej (EDS), għaqda li tirrappreżenta ‘l fuq minn miljun student f’madwar 30 pajjiż Ewropew.
Ma’ Newsbook.com.mt, Galea qal li permezz ta’ dan l-irwol il-ġdid se jkun jista’ jipparteċipa aktar mill-qrib fid-deċiżjonijiet li tieħu l-EDS.
“Se nkun fdat bir-relazzjonijiet pubbliċi tal-għaqda bil-mira li ntejjeb il-komunikazzjoni kemm interna kif ukoll esterna tal-EDS,” kompla jgħid Beppe Galea.
Galea ġie nnominat għall-kariga mill-organizzazzjoni lokali Studenti Demokristjani Maltin (SDM) li fiha serva tul dawn l-aħħar tliet snin. Matulhom għen f’uħud mill-akbar attivitajiet tal-SDM, fosthom l-organizzazzjoni tal-Winter University tal-EDS li saret f’Malta waqt li kien għaddej il-kungress tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) f’Marzu li għadda.