Żagħżugħ fuq kap ta’ akkuża b’rabta ma serqa minn ħanut tal-logħob

Żagħżugħ ta’ 18-il sena tpoġġa taħt att ta’ akkuża hekk kif jinsab mixli b’serqa f’ħanut tal-logħob.
Huwa jinsab akkużat ukoll li żamm persuna kontra l-volontà tagħha.
Fil-kumpilazzjoni tal-provi, il-Maġistrat Joe Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u enfasizza li qed tittieħed drawwa li fil-Qorti jitkellmu fuq id-drittijiet tal-akkużati u jintesew id-drittijiet tas-soċjetà.
Fil-Qorti xehed żagħżugħ ieħor ta’ 21 sena li enfasizza li meta wassal l-akkużat sal-ħanut tal-logħob, huwa ma kienx jaf li kien se jwettaq is-serqa.
Saħaq li kienu ilu jaf l-akkużat għal sena u nofs. Xehed li meta ż-żagħżugħ l-ieħor daħal lura fil-karozza qallu biex isuq sakemm marru fl-għalqa u l-akkużat biddel u ħaraq xi affarijiet li kellu.
Xehed ukoll il-ħaddiem li kien hemm fil-ħanut u qal li meta l-akkużat daħal qallu biex jagħtih il-flus.
Il-każ se jkompli fit-8 ta’ Jannar li ġej.