Żagħżugħ fil-periklu tal-mewt; 2 gravi wara inċident fis-Siġġiewi

Miguela Xuereb

Żagħżugħ jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu filwaqt li żewġ żgħażagħ oħra huma midrubin b’mod gravi wara li dawn kienu involuti f’inċident tat-traffiku fis-Siġġiewi billejl.

L-inċident ġara fi Triq il-Wied f’11.45pm.

Żagħżugħ ta’ 23 sena residenti San Ġwann tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu u ħabat ġo ħajt. Fil-vettura kien hemm ukoll tfajla ta’ 22 sena residenti Ħ’Attard, żagħżugħ ta’ 18-il
sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 21 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fuq il-post marru l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku
mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna.

It-tliet passiġġiera ttieħdu b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li dak ta’ 18-il sena qed isofri minn ġrieħi serji, u b’hekk hu fil-periklu tal-mewt, filwaqt li t-tfajla ta’ 22 sena u l-ġuvni ta’ 21 sena qed isofru minn ġrieħi gravi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa li fetaħ inkjesta maġisterjali.