Żagħżugħ attakkat b’sikkina wara ħabta bejn 3 karozzi

Żagħżugħ ġie attakkat b’sikkina wara li ħabat f’żewġ karozzi pparkjati fil-Belt Valletta, skont il-Pulizija. Ħabat wara li pprova jevita ħabta ma’ karozza oħra.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-vittma ġie attakkat minn żagħżugħ ieħor waqt argument minħabba l-ħabta.

Il-vittma huwa żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Belt Valletta. Hu qed jinżamm f’Mater Dei wara li weġġa’ gravi. Żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Furjana ġie arrestat b’rabta mal-inċident.

Fin-12.30pm il-Pulizija rċeviet rapport li kienet seħħet ħabta fi Triq il-Mediterran fil-Belt u li nqala’ wkoll argument li fih intużat sikkina.

Uffiċjali tal-pulizija marru fuq il-post u sabu vettura li kienet ħabtet f’żewġ vetturi oħra li kienu pparkjati. Is-sewwieq tal-ewwel vettura qala’ daqqa ta’ sikkina f’siequ wara l-ħabta. Hu ttieħed lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana minn xi persuni.

Pulizija mill-RIU marru lejn fiċ-Ċentru tas-Saħħa u sabu lill-vittma hemm. Aktar tard ittieħed l-isptar Mater Dei.

Skont il-Pulizija, il-vittma kien qed isuq fi Triq il-Mediterran u fl-istess ħin kienet qed tinstaq vettura oħra fi Triq San Duminku.

Google Maps

“Biex tiġi evitata ħabta bejn dawn iż-żewġ vetturi, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkkjati. Inqala argument bejn iż-żewġ sewwieqa fejn allegatament intużat sikkina,” qalet il-Pulizija. L-aggressur ta’ 21 sena telaq mill-post. Wara bdiet tfittxija għalih. Intsab ftit ħin wara mill-RIU f’residenza fil-Furjana. Ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Belt għal aktar stħarriġ.