Żagħżugħ arrestat wara li tħassar kunċert qalb theddid terroristiku

Il-Pulizija Olandiża arrestat żagħżugħ ta’ 22 sena sigħat wara li kunċert kellu jitħassar minħabba theddid terroristiku.
Ir-raġel, li huwa Spanjol, ġie miżmum għall-ħabta tas-2am wara li l-bibien tal-kunċert ingħalqu għall-ħabta tas-7pm, ftit mumenti wara li nfetħu.
L-allarm skatta xħin il-Pulizija Spanjola bagħtet messaġġi lil dik Olandiża li kien hemm vann b’xi ċilindri tal-gass fil-qrib.
In-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vann fil-fatt kienet waħda Spanjola.
Minkejja dan, sa siegħa wara li rċevew l-informazzjoni l-awtoritajiet Olandiżi kienu diġà kkonfermaw li ma kienx hemm pjanijiet terroristiċi, u s-sewwieq kien fis-sakra.
Il-grupp li kellu jkanta fil-kunċert, l-Allah-Las, kemm-il darba rċieva dawn it-tip ta’ theddidiet, u l-aktar minħabba l-isem li l-membri tal-grupp għażlu li jagħtuh.
F’intervista s-sena l-oħra, il-grupp kien qal li għażel dak l-isem għax xtaq li jkun hemm laqta reliġjuża fl-isem, u l-membri qalu li kienu ispirati mill-grupp The Jesus and Mary Chain.