Jinżamm arrestat iż-żagħżugħ li ħaraq karozza ta’ pulizija

Aġġornat 08:11 PM

L-akkużat jgħid li ma riedx jaħraq il-karozza tal-pulizija iżda ta' xi ħadd ieħor

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti r-raġel wieġeb mhux ħati li ta n-nar lill-karozza fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo f’Ħal Tarxien fil-31 ta’ Diċembru għall-ħabta tas-2am, kif ukoll li kien f’pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-prosekuzzjoni spjegat li dwar il-każ infetħet inkjesta li minnha ġew elevati filmati tal-kameras tas-sigurtà li fihom deher l-akkużat. Żiedu li waqt l-investigazzjoni sabu wkoll 31 qartas tad-droga fil-karozza tal-imputat. Fil-Qorti l-prosekuzjoni kompliet li r-raġel ammetta li ta n-nar il-karozza u qal li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li jaħraq il-karozza tal-pulizija iżda ta’ xi ħadd ieħor. Il-pulizija qalet li l-akkużat ma qalx il-karozza ta’ min ried jaħraq.

L-avukati tal-akkużat Franco Debono u Amadeus Cachia talbu l-ħelsien mill-arrest tal-klijent tagħhom bl-argument li għandu kondotta nadifa u kkopera mal-pulizija. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan minħabba li l-akkużat jista’ jaħraq il-karozza tal-persuna li kellu l-ħsieb li jagħmel dan, kif ukoll minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u jista’ jkun hemm tbagħbis tal-provi.

Aktar kmieni

Żagħżugħ ġie arrestat talli ħaraq karozza f’Ħal Tarxien u nstab fil-pussess tad-droga kokaina.

Il-karozza nħarqet fil-31 ta’ Diċembru fis-2am fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo.

Ġranet ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni tal-movimenti ta’ din il-persuna mill-Pulizija tat-Taqsima tal-Ħruq fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wasslu biex tard nhar it-Tlieta li għadda, isir l-arrest ta’ dan iż-żagħżugħ ta’ 21 sena fil-Belt Valletta.

Huwa ġie identifikat u arrestat mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà.

Wara li ġie arrestat, il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vettura tiegħu fejn instabu 31 qartas
b’sustanza suspettata kokaina.

Iż-żagħżugħ se jitressaq il-qorti llum fil-11.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Neville Camilleri.

kokaina
CMRU

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn