Żagħżugħ arrestat għal serqa minn ħanut f’Bormla

arrests

Read in English.

Il-Pulizija arrestat lil żagħżugħ ta’ 17-il sena talli dan wettaq serqa armata minn ħanut f’Bormla jumejn ilu.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li f’inqas minn 24 siegħa, permezz tal-investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, ġie identifikat l-allegat ħalliel.

Tard ilbieraħ waranofsinhar ġie arrestat iż-żagħżugħ li joqgħod il-Birgu. Hu ġie arrestat fil-Birgu stess.

Fis-serqa, il-ħalliel kellu fuqu arma taqta’ u bil-ponta. Huwa daħal fil-ħanut fi Triq l-Oratorju u talab il-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 36 sena residenti l-Fgura. Imbagħad ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti.

Iż-żagħżugħ mistenni jitressaq il-qorti llum f’nofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras.