Jinżamm arrestat wara li fera lil 2 irġiel bi flixkun waqt ġlieda fl-Imġarr

Aġġornat 06:35 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Żagħżugħ ġie arrestat wara li fera lil żewġ persuni bi flixkun tal-ħġieġ waqt ġlieda f’Għajnsielem. Hu tressaq il-Qorti u baqa’ jinżamm taħt arrest.

Dan ġara fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu, għall-ħabta tal-5am, qrib bar viċin il-port tal-Imġarr, fi Triq ir-Rebħa.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati.

Kelliem għall-Pulizija spjega lil Newsbook.com.mt li żewġ persuni kellhom jittieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex minħabba din il-ġlieda. Dawn huma żagħżugħ ta’ 24 sena mir-Rabat u raġel ta’ 43 sena mill-Għarb.

Il-Pulizija qalet li l-vittmi weġġgħu gravi.

L-aggressur kien żagħżugħ ta’ 28 sena min-Nadur. Dan telaq minn fuq il-post fil-ħin tal-ġlieda, imma ġie arrestat aktar tard fil-jum fin-Nadur stess.

L-akkużat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger