Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ droga f’Birżebbuġa

Puliziija
Miguela Xuereb

Żagħżugħ ta’ 21 sena kien arrestat b’rabta ma’ droga f’Birżebbuġa.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest taż-żagħżugħ miż-Żejtun ilbieraħ filgħaxija.

Hu kien innutat ġewwa Birżebbuġa jaġixxi b’mod suspettuż. Il-Pulizija avviċinat lir-raġel u wara tfittxija, sabet fuqu xi qratas b’sustanza bajda suspettata kokaina, ammont ta’ flus u diversi mowbajls.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja filwaqt li r-raġel mistenni jitressaq b’arrest l-Qorti fil-ġranet li ġejjin.