Żagħżugħ akkużat b’hold up jhedded lil Spettur fil-Qorti

Żagħżugħ akkużat li kien kompliċi f’hold up f’Ħaż-Żabbar ix-xahar li għadda hedded lill-Ispettur tal-Pulizija fil-Qorti.

Iż-żgħażagħ, wieħed ta’ 23 sena, u l-ieħor ta’ 18-il sena, it-tnejn Żabbarin, dehru quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella dalgħodu fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrihom. Huma qegħdin jinżammu arrestati tas-serqa li ppruvaw iwettqu meta kienu armati u anke sparaw xi tiri.

Raġel ta’ 46 sena minn Ħal Balzan kien ġie akkużat b’konnessjoni mal-każ ukoll u kien wieġeb mhux ħati. Huwa kien arrestat wara li daħal fil-ħanut armat u liebes il-barnuża tal-ġakketta f’rasu, u talab lis-sid itih il-flus. Dan irreżistieh, u dak il-ħin, ir-raġel allegatament fetaħ in-nar sakemm ma arrestawh il-pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Wieħed mill-Ispetturi tal-Prosekuzzjoni qal li d-data tal-mowbajls turi li ż-żewġ żgħażagħ Żabbarin kienu qed jibagħtu messaġġi lil xulxin kontinwament waqt is-serqa, u wieħed minnhom kien qed jistenna fil-karozza, waqt li l-ieħor daħal fil-ħanut. Fil-Qorti, huma ċaħdu dan kollu u qalu li kienu qed jikkomunikaw fuq xi ħaġa oħra.

Fil-Qorti xehdu diversi nies, fosthom impjegat fil-ħanut li qal li l-ħalliel daħal u pponta l-pistola lejh. Hu induna min kien għax fit-taqtigħa bejniethom, neħħielu l-barnuża minn ma’ rasu. Kompla jgħid li din kienet it-tielet darba li r-raġel ta’ 46 sena kien ipprova jisraq mingħandu. Dwar iż-2 żgħażagħ qal li wieħed minnhom kien mar jixtri 3 ġimgħat qabel is-serqa, u l-ieħor kien rah xi snin qabel.

Żagħżugħ li xehed qal li xħin kien se jitlaq minn fejn il-ħanut bir-rota, żagħżugħ Żabbari ta’ madwar 19 jew 20 sena talbu biex jirkeb miegħu bir-rota, u dan aċċetta. Meta staqsewh jagħrafx lil xi ħadd fl-awla, huwa qal li ma jaħsibx, iżda l-akkużat in kwistjoni jixbhu ftit.

L-avukat ta’ żagħżugħ minnhom talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda Spettur minnhom innota li dan iż-żagħżugħ kien ilu jidher il-Qorti mindu kellu 15-il sena. Għaldaqstant, il-Qorti rrifjutat li teħilsu mill-arrest.

Kif l-akkużati kienu qed jinħarġu mill-awla, qamet kommossjoni fil-kuritur għaliex wieħed mill-akkużati hedded lil wieħed mill-Ispetturi tal-Pulizija bit-tfal tiegħu. Għadu mhux magħruf jekk l-Ispettur hux se jfittxu bil-Qorti.

Il-każ għandu jkompli f’Jannar.