Read in English.
Il-kumpanija Youtube fetħet il-portal tagħha għall-Youtubers Maltin biex minn hemm ikunu jistgħu jaċċessaw għodod li sa issa ma kienux aċċessibbli għall-Maltin.
Fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ewropew Francis Zammit Dimech qal li “it-tnedija llum ta’ paġna speċifika ta’ Youtube għal Malta – www.youtube.com.mt – huwa pass importanti għall-Youtubers Maltin, dawk li joħolqu l-kontenut kif ukoll dawk li jużawh”.
Huwa spjega li dan mhux biss għaliex il-kontenut lokali jkun aktar aċċessibbli online, iżda qal li “l-kontenut iġġenerat minn Maltin, inkluż bosta artisti, jista’ jiġi promoss aħjar”.
Saħaq li dan hu “pass ieħor ukoll biex il-Youtubers Maltin ikunu kkumpensati finanzjarjament għall-kontenut iġġenerat online.”
Now you can watch local content online more easily. Head to https://t.co/B60tuAXwmq. If you are an artist this is also an opportunity to promote your content online and soon to get financial compensation! Thanks also to @ComodiniCachia for her work on this initiative. pic.twitter.com/FdXzJvrcNJ
— F Zammit Dimech (@FrancisZD) June 19, 2018
Youtube ħabbru wkoll li se jespandu l-Youtube Partnership Programme (YPP) għal Malta aktar tard din is-sena, biex dawk li joħolqu l-kontenut ikunu jistgħu jaqilgħu l-flus mill-videos tagħhom, u jkollhom aċċess għal bosta għodda u riżorsi biex jagħmlu użu aħjar mill-kontenut tagħhom fuq Youtube.
Zammit Dimech żied jgħid li Youtube hu pjattaforma importanti, b’mod speċjali għall-artisti żgħażagħ li jridu jesponu t-talenti tagħhom. Għalhekk, dawn il-passi se jkomplu jgħinu lill-artisti lokali, u jtuhom udjenzi akbar u appoġġ finanzjarju.
Fi stqarrija, anki l-Gvern qal li dan kien riżultat ta’ diskussjonijiet kontinwi ma’ Google li hija l-kumpanija li tagħha tappartjeni Youtube.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri esprima sodisfazzjon għad-deċiżjoni ta’ Youtube li jniedi l-verżjoni speċifika għal Malta li se tkun disponibbli wkoll bl-Ingliż fuq youtube.com.mt.
After working hand in hand with @Google I am pleased to announce that by end of this year Maltese citizens can start being paid for their videos on @YouTube . SShttps://t.co/cdw0g9JKJX
— Silvio Schembri (@SilvioSchembri) June 19, 2018
F’Marzu li għadda, Zammit Dimech organizza sessjoni ta’ taħriġ għall-komunità Maltija tal-Youtube u stieden esperti tal-Youtube biex jaqsmu l-għarfien tagħhom ma’ diversi Maltin u Għawdxi li joħolqu l-kontenut online, biex ikunu jafu aktar kif jistgħu jsaħħu l-vuċi tagħhom permezz ta’ workshops differenti f’livelli differenti. Zammit Dimech ilu wkoll jappoġġja l-komunità Maltija tal-Youtube billi jinsisti għal kumpens finanzjarju għall-kontenut li jiġġeneraw u jxerrdu fuq Youtube.
Zammit Dimech irringrazzja wkoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura u l-Media Therese Comodini Cachia li wkoll ħadmet biex dan kollu jimmaterjalizza, inkluż meta kienet MEP fid-dawl tar-responsabbiltà tagħha fit-tmexxija tar-riforma tal-Copyright.
Fabian Borg, il-fundatur ta’ Creators Malta, li ħa l-inizjattiva biex jagħmel petizzjoni lil Google ħalli tinkludi lil Malta fil-YouTube Partnership Programme, qal “Nirringrazzja lil Google u YouTube talli se jillokalizzaw il-pjattaforma tal-kontenut tagħhom u b’hekk il-produtturi Maltin tal-kontenut se jkunu fuq livell ta’ creators oħrajn mill-UE u internazzjonalment. Nara dan bħala l-bidu tal-proċess lejn l-inklużjoni sħiħa ta’ Malta fil-YPP, li finalment tagħti lill-produtturi tal-kontenut Malti l-opportunità li jikkummerċjalizzaw l-attività tagħhom filwaqt li fl-istess ħin joħolqu settur ekonomiku ġdid għall-pajjiż.”
Enrico Bellini, il-Maniġer tal-Politika Pubblika ta’ Google, qal, “Smajna tajjeb ħafna u b’mod ċar it-talbiet tal-komunità lokali tagħna f’Malta u nittamaw li b’domain apposta u bil-ftuħ li se jsir dalwaqt tal-Programm ta’ Sħubija YouTube (YPP) f’Settembru, aħna qed ngħinu biex inwittu t-triq għal xogħol ta’ aktar produtturi, artisti u mużiċisti Maltin biex jibbrillaw fost il-kommunita’ vibranti tal-vidjows fid-dinja.”