Youtuber itella’ filmat dwar Malta

Youtuber filmat Malta

Youtuber popolari Paul B (Barby) tella’ filmat fuq l-istazzjon tiegħu ta’ YouTube, Geography NOW, dwar Malta, propju f’Santa Marija, fil-15 t’Awwissu.

F’dan il-filmat edukattiv, Paul spjega xi tfisser li tkun Malti u punti ewlenin dwar l-identità tagħna bħala Maltin. Apparti informazzjoni bażika bħall-ammont ta’ nies li joqogħdu Malta, kif tista’ tivvjaġġa s’Għawdex jew Kemmuna, u s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, Paul għamel ħafna enfasi fuq l-istorja ta’ Malta.

Filfatt, hu semma l-katakombi, ċ-Ċittadella, il-mużewijiet, kif ukoll ir-Rotunda tal-Mosta fost attrazzjonijiet importanti oħra.

Huwa faħħar lill-Malta għall-bajjiet u l-ġmiel tal-baħar bħal ta’ Blue Grotto. Fil-filmat, jitkellem dwar il-lingwa, il-festi, ir-reliġjon u l-ikel varjat u tipiku bħall-ħelwa tat-tork, il-fenek, il-pastizzi u speċjalment il-pakketti tat-Twistees!

Permezz ta’ animazzjonijiet sempliċi ħafna, Paul irnexxielu jispjega fil-qosor l-istorja ta’ Malta, il-pajsaġġ u l-arkitettura, u għamel referenza għall-fatt li diversi diretturi tal-films użaw postijiet Maltin fil-filmati tagħhom, fosthom Gladiator, Troy u Captain Phillips.

Geography NOW huwa l-ewwel u l-uniku stazzjon fuq Youtube li attivament jipprova jwassal informazzjoni fuq kull pajjiż tad-dinja. Bħalissa qed jagħmluhom b’mod alfabetiku.