YouTube dalwaqt b’verżjoni ġdida għall-online gaming

Iktar tard dan is-sajf, YouTube mistenni jniedi sit apposta li jlaqqa' profili ta' nies li jużaw l-internet għal-logħob (gaming).
Wara li s-sena l-oħra Google li hija l-kumpanija sid ta' YouTube, ippruvat tixtri s-sit Twitch iżda ma rnexxilhiex minħabba konkorrenza minn Amazon, issa l-istess Google mistennija tniedi verżjoni speċjalizzata ta' YouTube apposta għall-online gaming
Bl-istess mod kif jaħdem YouTube, is-sit il-ġdid mistenni jlaqqa' numru ta' profili li jtellgħu filmati tal-logħob tagħhom u jaqsmu soluzzjonijiet dwar kif wieħed jista' jirbaħ jew jgħaddi minn ċerti fażijiet ta' diversi logħbiet.
B'kollox dan il-YouTube ġdid mistenni jiġbor fih mal-25,000 sit tal-internet ta' logħob onlajn f'post wieħed.
Il-kumpanija Google qed tittama li permezz ta' dan is-sit tegħleb il-kompetitur dirett tagħha Amazon li bħalissa permezz ta' Twitch qed tiddomina s-suq.
Għall-bidu s-sit mistenni jkun imniedi fl-Istati Uniti u l-Ingilterra biss.