YOUCAT għat-Tfal: Katekiżmu ideali għat-tfal u l-ġenituri

Il-qoxra tal-pubblikazzjoni YOUCAT for Kids

Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi għadha kemm approvat il-YOUCAT għat-Tfal li hu pubblikazzjoni dwar il-Fidi Kattolika, adattata għat-tfal. Verżjoni tal-YOUCAT għall-kbar li kienet success kbir kienet publikata fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li kien sar fil-Panama.

Din il-pubblikazzjoni għat-tfal għandha Daħla miktuba mill-Papa Franġisku li fiha jħeġġeġ lill-ġenituri biex ma jgħajjewx jagħmlu domandi u jkellmu lil uliedhom dwar il-fidi tagħhom.

YOUCAT għat-Tfal hu introduzzjoni għall-fidi Kattolika mmirat għal tfal bejn 8 u 12-il sena. Il- pubblikazzjoni hi mimlija kuluri vivaċi, tpinġijiet u tweġibiet faċli għal mistoqsijiet diffiċli bħal: Jien għaliex neżisti? Għaliex hawn min ma jemminx f’Alla? U ħafna mistoqsijiet oħra. L-awturi ttestjaw dawn it-tweġibiet ma’ gruppi differenti ta’ tfal biex ikun assigurat li kulmin jaqra l-ktieb, jifhmu sew.

Il-ktieb mhux biss jistieden lit-tfal u l-ġenituri ikollhom konversazzjonijiet dwar diversi aspetti tal-fidi bħalma huma t-talb, il-ħolqien, il-ħajja ta’ Ġesù u suġġetti oħra imma fih ukoll diversi kwotazzjonijiet u nformazjoni li tgħin lill-ġenituri jikkomunikaw aħjar ma’ uliedhom dwar il-fidi u jaħsbu ftit aktar fil-fond.

Filwaqt li YOUCAT għat-Tfal  fih ħafna mill-karatteristiċi li għamlu l-ewwel verżjoni (għall-kbar) popolari ħafna madwar id-dinja, inkluż grafika mill-isbaħ, kwotazzjonijiet mill-Qaddisin, dawn il-fatturi issa kienu adattati għal udjenza iżgħar fl-età.

Fid-Daħla tal-ktieb il-Papa Franġisku kiteb: “Waqt li kont qed inqalleb il-ktieb YOUCAT għat-Tfal sibt domandi li t-tfal jistaqsu lill-ġenituri u lill-katekisti, ħafna drabi. Għalhekk naħseb li dan il-ktejjeb hu utli daqs il-Katekiżmu proprju fejn insibu tweġibiet għall-aktar domandi important fil-ħajja.

Dan hu Katekiżmu ferm differenti minn dak li kont nuża jien. Hu adattat għat-tfal u l-ġenituri biex flimkien jiskopru l-imħabba t’Alla u ħafna affarijiet oħra”.