Filmat: Yorgen ma jingħatax maħfra

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu kif ħabbar li l-Gvern ċaħad it-talba ta’ Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali. Żied jgħid li ma riedx jieħu din id-deċiżjoni hu u allura ħalla f’idejn il-kabinett. Muscat qal li hu ma pparteċipax fil-laqgħa.

LIVE: Il-PM jindirizza l-midja fit-3am

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, November 28, 2019

Il-kabinett għamel din id-deċiżjoni wara li saret preżentazzjoni mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dan b’differenza għall-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma, fejn il-Prim Ministru kien qal li se jerfa’ r-responsabbiltà waħdu.

It-talba minn Yorgen Fenech saret nhar is-Sibt li għadda.

Ilbieraħ l-avukati ta’ Fenech kitbu l-President biex jgħidu li la l-Prim Ministru u xi membri tal-kabinett għandhom kunflitt ċar ta’ interess, m’għandhomx ikunu huma li jiddeċiedu jekk tingħatax il-maħfra. Huma talbu lill-President biex f’dan il-każ jiddeċiedi hu. Żiedu jgħidu li Fenech kien lest li jagħti informazzjoni dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn, li huma kollha persuni viċin ħafna tal-Prim Ministru.

Il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija maħruġa l-Ħamis qalet li l-għoti jew iż-żamma ta’ maħfra jew maħfriet hija aktar delikata mis-soltu “għal raġunijiet li m’hemmx għalfejn wieħed jispjega”. “Għalhekk il-Kamra tinsisti li deċiżjonijiet għandhom isiru minn nies li m’għandhomx kunflitt ta’ interess”.