Rigal ieħor minn Yorgen lil Muscat

Read in English.

Yorgen Fenech kien wieħed mill-mistiedna ta’ riċeviment li sar ad unur il-Prim Ministru Joseph Muscat fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru fil-Girgenti fi Frar li għadda. Dan ġie rrappurtat mill-ġurnal The Times of Malta. 

Ir-rapport jindika li Muscat ingħata tliet fliexken inbid Petrus li hu mifhum li jiswew eluf ta’ ewro, minn Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Dan mhux l-ewwel rapport li qed jindika li Muscat irċieva rigali ta’ valur għoli. F’lejlet il-Milied ġie rrappurtat li Yorgen kien ta rigal lil Muscat, arloġġ tad-ditta Bvlgari li jiswa mal-€20,000. Dan ir-rapport kien is-suġġett ta’ reazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li fi stqarrija, filwaqt li ma ċaħadx li rċieva l-arloġġ minn Fenech, tenna li dejjem segwa l-kodiċi u r-regoli li għandhom x’jaqsmu mar-rigali li jirċievi. 

Ir-rapport tat-Times jindika li l-preżenza ta’ Yorgen Fenech f’dan ir-riċeviment sar wara li kien hemm konsultazzjoni mas-Servizz tas-Sigurtà biex dan ikun mistieden, minkejja li Fenech, skont ma ntqal mill-istess Prim Ministru, kien qed jiġi investigat u kien suspettat bil-qtil ta’ Caruana Galizia, tant li f’Mejju tal-2018 huwa awtorizza li t-telefonati tiegħu jiġu interċettati. L-aġir waqt ir-reċiviment kien suġġett ta’ kontroversja hekk kif filmat kien inxtered fuq il-midja soċjali. 

Skont ir-rapport fit-Times, Muscat irċieva arloġġ ieħor (li jiswa inqas) u arloġġ ieħor kien regalat lil eks-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Schembri kien iddikjara li kienu ħbieb mit-tfulija. Fenech, minn naħa l-oħra qed jagħmel kawża kostituzzjonali biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjonijiet fil-każ ta’ Caruana Galizia, minħabba li dan huwa viċin ta’ Schembri.