Yorgen Fenech mill-ġdid ma jingħatax il-bail

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Talba ġdida għall-ħelsien proviżorju mill-arrest mis-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, ġiet irrifjutata mill-Imħallef ilbieraħ. Dan wara li l-Qorti qalet li l-kriminalità li għaliha qed jitressaq quddiem il-qorti hija waħda serja biżżejjed li timmerita arrest preventiv. Yorgen Fenech qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fenech, li kien tressaq il-Qorti b’rabta mal-assassinju f’Novembru li għadda kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Ix-xahar li għadda, Fenech kien issottometta talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba kienet ġiet irrifjutata. Hu kien argumenta li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust kien inkiser meta l-Qorti ġiet sospiża kawża tal-pandemija tal-coronavirus f’Malta.

Id-difiża argumentat li l-klijent tagħha kien qed jinżamm f’arrest preventiv mingħajr il-possibbiltà li l-Qorti tisma’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Argumentat ukoll li ż-żamma tiegħu f’ambjent ta’ ħabs kienet qed timponi wkoll riskju fuq is-saħħa tiegħu.

L-Imħallef Edwina Grima m’aċċettatx l-argumenti tad-difiża. Il-Qorti qalet li m’hemmx tibdil fiċ-ċirkustanzi ladarba żewġ talbiet oħra għall-ħelsien mill-arrest ġew irrifjutati.

L-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran deheru f’isem l-akkużat.