Yorgen Fenech kellu 26 laqgħa f’Kastilja fi ftit aktar minn 3 snin

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Is-sid tal-kumpanija 17 Black, li bħalissa qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellu 26 laqgħa f’Kastilja bejn is-16 ta’ Ottubru tal-2013 u l-24 ta’ Marzu tal-2017.

Daphne Caruana Galizia Foundation ippubblikat il-lista s-sħiħa tal-laqgħat li Fenech kellu f’dan il-perjodu u ma’ min kien qed jiltaqa’.

Ħamsa minn dawn il-laqgħat kienu mal-eks Chief of Staff Keith Schembri li serva lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat. 19-il laqgħa saret ma’ Konrad Mizzi li kien serva bħala Ministru għas-Saħħa u Ministru għall-Enerġija fejn kien anke responsabbli mill-public-private partnerships. Waħda mil-laqgħat kienet ma’ Lindsey Gambin, li kienet impjegata ma’ Mizzi.

Intant, il-laqgħa l-oħra saret ma’ Michael Farrugia, li llum huwa l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma. Hu kellu laqgħa ma’ Fenech fil-5 ta’ Marzu tal-2014 li bdiet fid-9.27am u fid-9.53am. Dak iż-żmien, Farrugia kien qed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar.

Fl-istess jum meta saret il-laqgħa ma’ Fenech, li sa Novembru tal-2019 kien iservi bħala Direttur ta’ Tumas Group, Farrugia kien ordna lill-awtorità tal-Ippjanar sabiex tippermetti li jkun hemm żviluppi tat-tip high rise fl-Imrieħel. Lura meta kienet ħarġet il-konsultazzjoni pubblika fl-2013 dwar il-policy tal-bini għoli, l-Imrieħel ma’ kienx inkluż fil-lista ta’ żoni għall-iżvilupp tat-tip.

Aktar tard Tumas u Gasan Holdings ingħataw il-permess li jibnu erba’ torrijiet fl-Imrieħel. Dak iż-żmien, id-Direttur ta’ Tumas Group, Ray Fenech, kien insista ma’ ġurnali lokali li l-kumpanija ma kinitx talbet sabiex l-Imrieħel jiġi identifikat bħala żona ta’ żvilupp għall-bini għoli. Id-dokument kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, li dak iż-żmien kienet għadha tissejjaħ il-MEPA, f’Ġunju tal-2014.

Iż-żewġ kumpaniji se jkunu jistgħu jinvestu €70 miljun fit-torrijiet proposti fl-Imrieħel li jikkonsistu f’erba torrijiet ta’ 14, 16, 18 u 20 sular. Huma mistennija jkollhom ukoll ħames sulari taħt l-art.

Intant, f’Jannar ta’ din is-sena, Arnold Cassola talab lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni biex tinvestiga jekk ingħatatx preferenza lil Yorgen Fenech f’għadd ta’ proġetti li kien involut fihom hu jew il-kumpanija Tumas Group.

Fost il-proġetti, Cassola kien semma l-inklużjoni tal-Imrieħel bħala post fejn jista’ jkun hemm bini għoli, peress li Tumas Group, flimkien mal-Gasan Mamo, kellhom l-iżvilupp ta’ Quad Business Towers hemmhekk. Cassola rrimarka li Quad Towers ingħataw status SDA – Special Designated Area, li jippermetti lil bejjiegħa barranin li jgawdu mid-drittijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini Maltin, u staqsa jekk kienx hemm preferenza meta ngħata dan l-istatus ukoll.

L-informazzjoni dwar il-laqgħat f’Kastilja ma’ Fenech kienu ħarġu f’risposta ta’ FOI sottomessa f’Marzu tal-2020. Huma kienu oriġinarjament irrappurtati mis-sit Lovin’ Malta.