Yorgen Fenech jikteb lill-Kunsill tal-Ewropa f’tentattiv biex iwaqqaf l-inkjesta pubblika

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Yorgen Fenech issuspettat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia talab biex ikun hemm sospensjoni jew tintemm l-inkjesta pubblika dwar dan il-qtil minħabba li qegħdin jinkisru d-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tiegħu.

Fenech li huwa rappreżentat minn Juliette Galea fil-proċeduri relatati mal-inkjesta pubblika, kitbet lill-Kunsill tal-Ewropa sabiex titlob azzjoni immedjata sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-proċeduri ġudizjarji li għaddejjin. Fenech sostna li d-drittijiet tiegħu għal proċess ġust u għar-rispett għall-ħajja privata tiegħu u tal-familja qed jinkisru.

It-tim legali tiegħu qiegħed jitlob li jittieħdu l-passi neċessarji fl-interess tal-ġustizzja. Dawn jinkludu li l-inkjesta pubblika tiġi sospiża jew tintemm sakemm id-drittijiet tiegħu bħala persuna li hija suġġetta għall-proċeduri kriminali rigward l-qtil ikunu jistgħu jiġu determinti u salvagwardjati skont il-liġi.

L-ittra tgħid li f’dan l-istadju ta’ proċeduri, ir-rappreżentanza legali għandha tipprovdi lil Fenech il-kopji kollha kompluti tal-proċeduri u r-rekords li saru s’issa fl-inkjesta pubblika, kemm dawk li saru b’mod pubbliku kif ukoll dawk li saru bil-bibien magħluqa u tagħti l-opportunità lil Fenech biex jagħti r-reazzjonijiet tiegħu f’dawn l-atti tal-inkjesta.

Fenech diġà kien prova jakkwista kopja tat-testimonjanzi li saru bil-bibien magħluqa iżda ma rnexxilux. Diversi xhieda xehdu bil-bibien magħluqa u dawn jinkludu uffiċjali għolja fil-pulizija. Dan sar biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità.

Yorgen Fenech kien arrestat f’Novembru b’rabta mal-assassinju tal-ġurnailista Daphne Caruana Galizia. Bħalissa huwa qiegħed jaffaċċja proċeduri kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello.

L-ittra kienet indirizzata lill-President tal-Kunsill tal-Ewropa fl-Assemblea Parlamentari, lill-President tal-Kunsill tal-Ewropea fil-Kumitat tal-Monitoraġġ, lill-President tal-Kunsill tal-Ewropa fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali u Drittijiet tal-Bniedem, l-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Malta Anġlu Farrugia, lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, lill-Avukat tal-Istat Chris Soler u lill-Bord tal-Inkjesta Pubblika.