Schembri pprova jwaqqafni milli ngħaddi dettalji lill-Pulizija – Fenech

Read in English.

Yorgen Fenech, stqarr li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri “għamel sforzi konsiderevoli” biex iwaqqfu milli jgħaddi lill-Pulizija informazzjoni li tinkriminah, fost l-oħrajn b’interventi minn terzi persuni.

Is-sid tal-kumpanija 17 Black u r-raġel li qed jiġi akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphna Caruana Galizia, Yorgen Fenech, fetaħ rikors fejn qed isostni li l-kabinett kiser il-liġi meta ddeċieda li jirrifjutalu l-maħfra presidenzjali.

Fenech talab il-maħfra presidenzjali numru ta’ drabi minkejja li ġie rifjutat li tingħatalu kull darba. Hu qal li jekk jingħata din il-maħfra, jikxef informazzjoni li għandu hu dwar l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-involviment tiegħu fl-istess assassinju.

L-avukati ta’ Fenech spjegaw li hu ġie rrifjutat il-maħfra presidenzjali għax din kella toħroġ mingħand il-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa wieħed mill-akbar ħbieb ta’ Schembri. Qal li kellhom ukoll sehem il-membri tal-kabinett u persuni oħrajn li ilhom is-snin jaħdmu fil-qrib ma’ Schembri stess.

Ir-rikors jgħid li Fenech għandu dritt għal smigħ xieraq filwaqt li għandu dritt li t-talba tiegħu tiġi evalwata b’mod oġġettiv, imparzjali u mingħajr interferenza ta’ interessi politiċi, interessi personali diretti u kunflitti serji ta’ interess. Ġie sostnut li d-deċiżjoni li ma jingħatax il-maħfra presidenzjali wasslet sabiex l-integrità tal-istess investigazzjoni tiġi preġudikata. Dan hekk kif hu jħoss li ġie kostrett li jitlob il-proklama lill-Prim Ministru sabiex jixhed kontra persuna mill-aktar qrib tiegħu li għażel hu stess, ħatar u ddefenda għal snin twal.

Ir-rikors talab lill-Qorti sabiex tiddikjara ċ-ċaħda tal-maħfra presidenzjali lil Fenech bħala ksur ta’ liġi, partikolarment Artikolu 469A tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan ifisser li din id-deċiżjoni tiġi dikjarata nulla u t-talba tiegħu terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

Ir-rikors ta’ Fenech infetaħ fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru Evarist Bartolo, il-Ministru Josè Herrera, il-Ministru Michael Falzon, il-Ministru Edward Scicluna, il-Ministru Carmelo Abela, il-Ministru Justyne Caruana, il-Ministru Michael Farrugia, il-Ministru Owen Bonnici, il-Ministru Edward Zammit Lewis, il-Ministru Joe Mizzi, il-Ministru Ian Borg u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Ir-rikors kien iffirmat mill-avukati ta’ Fenech, Dr Marion Camilleri u Dr Gianluca Caruana Curran.

Fid-29 ta’ Novembru, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li l-Gvern ċaħad it-talba ta’ Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali. Żied jgħid li ma riedx jieħu din id-deċiżjoni hu u allura ħalla f’idejn il-kabinett. Muscat qal li hu ma pparteċipax fil-laqgħa.

Il-kabinett għamel din id-deċiżjoni wara li saret preżentazzjoni mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Dan b’differenza għall-maħfra presidenzjali ta’ Melvin Theuma, fejn il-Prim Ministru kien qal li se jerfa’ r-responsabbiltà waħdu.

L-avukati ta’ Fenech kienu kitbu l-President biex jgħidu li la l-Prim Ministru u xi membri tal-kabinett għandhom kunflitt ċar ta’ interess, m’għandhomx ikunu huma li jiddeċiedu jekk tingħatax il-maħfra. Huma talbu lill-President biex f’dan il-każ jiddeċiedi hu. Żiedu jgħidu li Fenech kien lest li jagħti informazzjoni dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn, li huma kollha persuni viċin ħafna tal-Prim Ministru.