Yorgen Fenech jiftaħ kawża oħra l-Qorti

FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

Read in English.

Yorgen Fenech qed jiftaħ kawża oħra biex il-Qorti tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jagħtihx proklama, tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu. 

Sid il-kumpanija 17 Black qed jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hu qed jikkwota Sezzjoni 469a tal-liġijiet ta’ Malta dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet amministrattivi. Din is-sezzjoni tgħid li l-Qrati jistgħu jeżaminaw il-validità ta’ atti amministrattivi u saħansitra jiddikjarawhom nulli, jekk l-awtorità pubblika tkun naqset li tosserva l-prinċipji tal-ġustizzja naturali, meta qed tagħmel att amministrattiv.

Fenech qed jgħid li d-deċiżjoni li ħa l-kabinett fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu tmur kontra d-drittijiet tiegħu, peress li l-membri tal-kabinett għandhom kunflitt ta’ interess. Yorgen Fenech kien lest li jagħti informazzjoni fost l-oħrajn dwar Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona. Il-membri tal-kabinett għandhom rabta mill-qrib ħafna ma’ kull wieħed minn dawn.

Intant Yorgen Fenech dalgħodu reġa’ ngħata l-police bail.