Yorgen Fenech jerġa’ jitlob li jinħeles

Aġġornat 01:52 PM

Ara li ma jkunx hemm dannu għall-ġustizzja - il-PN

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

In-negozjant Yorgen Fenech talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddikjara li l-arrest tiegħu qed jikser id-drittijiet tiegħu kif imħarsa mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa qed jagħmel ir-rikors tiegħu kontra l-Avukat tal-Istat u kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Minn naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jara li ma jkunx hemm dannu għall-ġustizzja biż-żieda ta’ avukat fid-difiża ta’ Fenech, minħabba li sal-bieraħ dan l-avukat kien jaħdem fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ir-rikors ta’ Fenech kien preżentat nhar il-Ġimgħa mill-avukati tiegħu Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. Iżda dalgħodu l-Avukat Charles Mercieca ngħaqad mat-tim tad-difiża ta’ Fenech. Newsbook.com.mt huwa infurmat li sal-bieraħ Mercieca kien qed jaħdem fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu sorpriżi b’dan, għax fi kliemhom, Mercieca jista’ jkun li għandu informazzjoni privileġġata dwar il-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech għaddej b’kumplilazzjoni wara li ġie akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Aktar kmieni din is-sena Fenech diġà talab lill-Qorti Kriminali biex ikun meħlus mill-arrest preventiv. Fenech qed jargumenta li meta s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ddeċidiet li jingħalaq il-Qorti, is-smigħ tal-kumpilazzjoni tiegħu twaqqaf ħesrem. Fil-fatt l-aħħar seduta saret fl-20 ta’ Frar. Fenech qed jgħid li b’riżultat tal-għeluq tal-Qorti fit-13 ta’ Marzu, iż-żamma tiegħu fil-ħabs saret waħda indefinita u li dan huwa ta’ dannu għad-dritt tiegħu ta’ libertà.

Il-Qorti Kriminali diġà, għal aktar minn darba, ċaħdet it-talba ta’ Fenech u huwa kien appella għax sostna li ma tistax tqabbel l-għeluq ta’ hairdresser minħabba l-coronavirus mal-għeluq tal-Qorti li jnaqqas il-libertà tal-akkużat. Il-Qorti kienet irraġunat li l-għeluq tal-Qorti kien qed isir biex titħares is-saħħa pubblika inkluż is-saħħa ta’ Fenech stess.

Ir-rikors ta’ Fenech kien preżentat nhar il-Ġimgħa mill-avukati tiegħu Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. Iżda dalgħodu l-Avukat Charles Mercieca ngħaqad mat-tim tad-difiża ta’ Fenech. Newsbook.com.mt huwa infurmat li sal-bieraħ Mercieca kien qed jaħdem fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt kienu sorpriżi b’dan, għax fi kliemhom, Mercieca jista’ jkun li għandu informazzjoni privileġġata dwar il-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu d-dmir li jagħti spjegazzjoni – PN

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija b’reazzjoni għall-aħbar li l-Avukat Charles Mercieca ngħaqad mat-tim tad-difiża ta’ Yorgen Fenech. Saħaq li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis għandu d-dmir u l-obbligu morali u legali li jagħti spjegazzjoni immedjata.

L-istqarrija, iffirmata minn Jason Azzopardi, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, tgħid li, “Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jagħti s-serħan tal-moħħ dwar meta beda l-kuntatt bejn dan l-avukat u l-klijent ġdid tiegħu, u jispjega kif dan tħalla jiġri. L-Oppożizzjoni tistenna li l-Ministru għall-Gustizzja jgħid ċar u tond x’passi qed jieħu.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja, skont il-Partit Nazzjonalista, għandu responsabbiltà jiddikjara x’miżuri ħa sabiex l-aċċess li dan l-avukat seta’ kellu għall-inkartament, provi, dokumenti u xhieda kunfidenzjali fil-każ dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li jinsabu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma jissarrfux f’dannu irreparabbli għall-proċess tal-ġustizzja f’dan il-każ.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn