Yorgen Fenech se jerġa’ jingħata l-police bail

Aġġornat 07:13 PM
FILE PHOTO. Jeremy Wonnacott/Malta Government Department of Information/Handout via REUTERS

Read in English.

In-negozjant u s-sid tal-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, se jerġa’ jingħata l-police bail. Dan wara li kmieni llum waranofsinhar iddaħħal l-isptar għax ħass uġigħ f’sidru waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li llejla ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu, Fenech mhux se jkun f’pożizzjoni li jkompli jiġi interrogat fl-24 siegħa li ġejjin.

Il-Pulizija qalet li fuq rakkomandazzjoni tat-tabib huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei taħt sigurtà stretta tal-Pulizija.

Il-Pulizija ġiet ukoll infurmata li din hija prattika normali tal-isptar wara li pazjent jingħata t-tip ta’ kura li ngħata Fenech. Hu se jkollu sigurtà stretta tal-Pulizija.

Kelliem għall-Pulizija ċċara ma‘ Newsbook.com.mt li f’dan l-istadju mhux se jingħataw dettalji meta mistoqsi jekk Fenech hux se jinżamm l-isptar għall-osservazzjoni.