Yorgen Fenech investigat dwar importazzjoni ta’ velenu

Read in English.

In-negozjant Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jiġi investigat ukoll dwar tentattiv ta’ importazzjoni tal-kimika velenuża cyanide.

Dan ħareġ fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu, waqt il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra meta mistoqsi mill-avukat Dr Jason Azzopardi.  Meta l-Ispettur żvela dan, l-avukat Charles Mercieca f’isem id-difiża qam biex joġġezzjona u jgħid “mhu veru xejn”, filwaqt li Fenech beda jitbissem.

Cyanide hija kimika velenuża li tintuża bħala qattiela silenzjuża fil-kotba ta’ Agatha Christie. Kien velenu popolari mal-ispiji u uffiċjali għolja fit-Tieni Gwerra Dinjija. Il-persuna li tikkonsma s-cyanide tista’ tmut f’temp ta’ ftit sekondi.

Fil-Qorti l-Ispettur Zahra kkonferma li fil-bidu tal-2017, Daphne Caruana Galizia kienet irċeviet aktar minn 600,000 email dwar l-Electrogas. Stqarr li dan jikkonferma l-ipotesi tal-Pulizija li Caruana Galizia nqatlet għal xi ħaġa li kienet għadha se tiżvela.