Yorgen Fenech fuq strajk tal-ġuħ; titkellem il-familja tiegħu

Aġġornat 03:37 PM
REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li s-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, bħalissa qed jagħmel strajk tal-ġuħ.

Fenech qed jaffaċċja akkużi ta’ kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva. Hu ilu jinżamm b’arrest preventiv minn Novembru tal-2019 meta tressaq quddiem il-Qorti Maġisterjali.

Il-familja tas-suspettat ħarġu dikjarazzjoni fejn tkellmu dwar l-istrajk tal-ġuħ wara r-rapporti li qalu li Fenech u l-persuni li hemm miegħu fl-istess diviżjoni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qed jipprotestaw kontra l-kundizzjonijiet “mhux tollerabbli”. L-awtoritajiet iżda qalu li kien hemm tliet persuni li kienu qed jagħmlu strajk tal-ġuħ, mingħajr ma għamlu referenza għal Fenech.

Aktar kmieni, Newsbook.com.mt irrapporta li Fenech qed jagħmel strajk tal-ġuħ flimkien mad-diviżjoni sħiħa ta’ fejn qed jinżamm . B’kollox hemm total ta’ sitt persuni li qed jinżammu f’din id-diviżjoni.

Il-familja tas-suspettat permezz tal-avukati tiegħu qalet li wħud mir-rapporti kellhom fihom informazzjoni żbaljata u kkonfermat li Fenech kien qed jipparteċipa fl-istrajk tal-ġuħ mal-bqija tad-diviżjoni.

Il-midja tal-Partit Laburista, ONE, aktar kmieni rrappurtat li Fenech kien qed jipprotesta kontra l-preżenza ta’ persuni ta’ karnaġġjon skur miegħu fid-dormitorju. Il-familja qalet li dan mhux minnu u li dan ir-rapport qed jagħmel biss ħsara biex ikompli jnawwar il-perċezzjoni tan-nies.

“Yorgen Fenech ħa d-deċiżjoni flimkien mad-diviżjoni kollha bbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ għixien li huma problematiċi.”

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, qalet fi stqarrija li l-gwardjani tal-ħabs saru jafu bl-istrajk tal-ġuħ wara l-wasla ta’ tliet individwi, li huma barranin, fl-istess diviżjoni.

Hi u tiddeskrivi l-kundizzjonijiet, il-familja qalet li Fenech ilu jgħix f’kamra fejn hemm ħafna niex għall-aħħar xhur b’toilet wieħed li jridu jużawh il-persuni kollha fid-diviżjoni. Qalet li għandhom ukoll sink ta’ pied kwadru fejn fih iridu jħarsu l-iġjene personali, jaħslu l-platti, il-ħwejjeġ u l-lożor. Qalet ukoll li m’hemmx biżżejjed ventilazzjoni.

Is-sitwazzjoni jidher li qed tkompli tiggrava minħabba s-sħana li dejjem qed tiżdied.

“Jekk ikunu morda u għandhom diarrhea jew qed jirremettu xorta jkollhom jibqgħu flimkien, maqfulin fi spazju żgħir. Hawn mhux qed insemmu l-kundizzjonijiet ta’ ħajja li dejjem qed imorru għall-agħar minħabba l-coronavirus fil-faċilitajiet tal-ħabs,” tgħid id-dikjarazzjoni.

L-awtoritajiet tal-ħabs qalu li l-istrajk tal-ġuħ beda lbieraħ waranofsinhar. Il-kundizzjoni ta’ dawk li qed jagħmlu l-istrajk qed tkun immonitorjata mit-tim mediku tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

“Id-dritt li jara lill-familja tneħħielu mingħajr raġjuni”

Il-familja qalet li Fenech, li jitħalla jiltaqa’ ma’ wliedu u l-familja bejn 15 u 30 minuta fil-ġimgħa, issa tneħħielu d-dritt li jagħmel dan. Qalet li dan mingħajr ma ngħata raġuni.

It-tim tad-difiża magħmul mill-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qalu li t-tixrid ta’ informazzjoni tat-tip qed joħloq aktar dannu lil Yorgen Fenech u d-dritt tiegħu li smigħ ġust.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li li kull priġunier u detenut għandu l-istess drittijiet u privileġġi li jistgħu jingħataw jew jittieħdu skont l-aġir tal-persuna.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Intern.