Yorgen b’rikors dwar investigazzjoni “dilettanteska”

REUTERS/Yara Nardi/File Photo

Read in English.

Yorgen Fenech, negozjant u sid il-kumpanija 17 Black li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fetaħ rikors kostituzzjonali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni.

Ir-rikors infetaħ għax skontu, il-fatti li ħarġu mis-seduta tal-bieraħ fil-qorti “juru l-mod traskurat, approssimattiv jekk mhux dilettantesk li bih saru l-investigazzjonijiet konċernanti Keith Schembri.”

Dawn il-fatti inkludew “il-fatt inkredibbli tal-mobile mitluf” u li l-Ispettur iddikjara li ma kienx konxju tal-ħbiberija bejn Schembri u Fenech meta Schembri, jgħid ir-rikors, jista’ “possibbilment anke jkun il-mastermind wara dan ir-reat.”

Għaldaqstant, Fenech, permezz tar-rikors iffirmat mill-avukati tiegħu Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri, talab il-fakultà li t-testimonjanza tal-Ispettur Arnaud tintuża fil-Prim Awla tal-Qorti Kostituzzjonali.