Yazmin ta’ X Factor se tiżżewweġ

Yazmin Helledie li konna qed naraw fit-tieni staġun ta’ X Factor Malta bħala parti minn Yazmin & James se tiżżewweġ aktar tard din is-sena. Hi se tkun qed tingħaqad fiż-żwieġ ma’ Keith Farrugia, magħruf bħala DJ Panelli.

Yazmin u Keith kienu ltaqgħu waqt festival f’Malta meta żewġt iħbieb tagħhom ħarġu flimkien. L-idea kienet biex ikunu fil-kumpanijja tagħhom iżda ġara li dawn il-ħbieb tagħhom ma baqgħux flimkien filwaqt li Keith u Yazmin ingwalawha sew.

Erba’ xhur wara li bdew joħorġu flimkien Keith u Yazmin xtraw post flimkien u hu mill-ewwel beda jippjana kif se jipproponi lit-tfajla.

Kienu jsegwu l-ewwel edizzjoni tal-programm X Factor u Yazmin kienet ikkummentat li xtaqet tapplikak għat-tieni staġun.

“Ovvjament jien tajtha l-appoġġ tiegħi bl-istess mod li hi dejjem tagħtini tagħha,” ikkummentalna Keith waqt li żied igħid ukoll li għalih u għal Yazmin San Valentinu jġi kuljum!

“Għalhekk din is-sena ddeċidejna li noqgħodu d-dar flimkien mat-tfal tiegħi, nordnaw pizza u naraw film flimkien,” qalilna waqt li żvela li d-data tat-tieġ tagħhom se tkun l-20 ta’ Settembru 2020.

Nawgurawlhom!

Intant għada s-Sibt 8 ta’ Frar se tittella’ l-finali ta’ X Factor Malta fl-MFCC f’Ta’ Qali b’xandira diretta fuq TVM.

Permezz tal-paġna ta’ Facebook Newsbook Lifestyle għandkom iċ-ċans tivvutaw għall-parteċipant li taħsbu li se jirbaħ u tifħlu fiċ-ċans li tirbħu ikla esklussiva mal-parteċipant li għada se jirbaħ it-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta.