Yang, il-qattus fl-Ingilterra li jferraħ lill-pazjenti fi sptar

Yang, qattus ġinġer ta’ 10 snin, kuljum, minbarra meta tkun ix-xita, jitlaq minn daru fis-7am u ma jerġax lura qabel is-6pm jew is-7pm. Matul dan il-perjodu hu jkun iferraħ lill-pazjenti fl-isptar ġenerali ta’ Hexham f’Northumberland fl-Ingilterra.

Il-qattus matul mixjietu fit-toroq jgħaddi minn ġonna ta’ ġirien, jaqbeż iċ-ċnus u jaqsam it-triq. Jagħmel mixja ta’ mil u joqgħod attent meta jiġi biex jaqsam it-triq għax jaqsam biss minn fuq iż-zebra crossing wara li jkun hemm xi ħadd li jagħfas il-buttuna biex iwaqqaflu t-traffiku.

Glynis Bell, sidtu ta’ 48 sena, tgħid li hija kburija ħafna bih. Tant hu hekk li tellgħet paġna għalih fuq Facebook biex turi x’jagħmel. Hi ssemmi li għandu ħafna għal qalbu dawk il-pazjenti rikoverati mill-kanċer li jkunu bilqiegħda barra l-isptar. Dejjem imur fuqhom bħallikieku jrid isaqsihom x’għandhom.

Yang erba’ snin ilu kien addottat mill-isptar bħala l-mascot tagħhom u l-bibien tal-post huma miftuħa dejjem għalih.

Sidtu taħseb li kollox beda meta hi kienet barra mid-dar u min kellu jitimgħu ma marx. Għalhekk il-qattus ħareġ barra u malajr sab ma’ min jagħmel kuntatt soċjali. Hi nnutat li l-qattus kien jisparixxi għal xi sigħat u ma kinetx taf fejn ikun. Imma sentejn ilu xi ħadd bagħtilha messaġġ u staqsieha: “Int taf fejn qiegħed il-qattus?”

Meta Yang ma jkunx l-isptar iħobb ikun fil-kumpanija ta’ oħtu Ying, qattusa sewda tuta.