Yahoo! se tixtri Snapchat

Il-korporazzjoni ġganta tat-teknoloġija Yahoo! tidher li hi biss pass 'il bogħod milli tixtri l-applikazzjoni tal-mowbajl Snapchat.
Jekk tirnexxi t-trattattiva, Yahoo tkun għelbet il-kompetizzjoni ta’ Facebook li wkoll riedet takkwista Snapchat, imma l-offerta tagħha ġiet meqjusa “ftit wisq”.
Rapporti juru li Yahoo qed toffri $10 biljun jew kważi €8 biljun biex Snapchat issir tagħha, għalkemm iż-żewġ kumpaniji baqgħu siekta dwar dan kollu.
L-applikazzjoni hi popolari ferm fost iż-żgħażagħ b'mod speċjali, li jibgħatu ritratti jew filmati lil xulxin u li jisparixxu wara ftit sekondi li tarahom.
Facebook offriet l-ekwivalenti ta' 2 biljun għal Snapchat li madankollu rrifjutat l-offerta.
Bħalissa s-sit soċjali l-iktar popolari qed jaħdem biex jiżviluppa applikazzjoni simili għal Snapchat li twassal biex jitħassar b’mod awtomatiku, kontenut li dak li jkun ikun tella’, bil-ħin ivarja minn siegħa sa sebat ijiem.
Yahoo qed tixtri għadd ta’ siti jew applikazzjonijiet fuq l-internet bit-tama li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq.
Il-ġimgħa li għaddiet, xtrat l-applikazzjoni ta’ chat fuq il-mowbajl MessageMe u s-sena li għaddiet xtrat is-servizz ta’ blogging Tumblr.