25% tal-antibijotiċi jingħataw għalxejn

It-tobba mhux biss qed jagħtu ħafna antibijotiċi, iżda 60% tad-drabi jagħtu antibijotiċi mhux speċifiċi bil-kaġun li tinqatel anke bakterja tajba.

Skont studju li sar dan l-aħħar fl-istati Uniti rriżulta li t-tobba qed jagħtu preskrizzjonijiet ta’ antibijotiċi li jolqtu fierxa wiesgħa ta’ mard, minflok antibijotiċi speċifiċi li ġeneralment ineħħu l-infezzjonijiet u li l-mira tagħhom tkun bakterja partikolari.

Diversi organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti fosthom l-Akkademja Amerikana tal-Pedjatrija u gruppi tas-saħħa pubblika qed jenfasizzaw mat-tobba biex jillimitaw l-użu tal-antibijotiċi ġenerali  bħaż-Zithromax u ż-Z-Pak.

Barraminhekk, l-istess studju żvela li 25% tal-preskrizzjonijiet ta’ antibijotiċi jingħataw għalxejn.

Esperti qalu li l-antibijotiċi l-ġenerali għandhom jintużaw għal kundizzjonijiet severi, fost l-oħrajn meta xi ħadd jiddaħħal l-isptar wara li jkun ħa diversi korsijiet ta’ antibijotiċi li ma jkunux ħadmu.

Appellaw ukoll lill-pazjenti biex jistaqsu lit-tobba tagħhom dwar l-użu u t-tip tal-antibijotiċi li jagħtuhom.

Min-naħa l-oħra, il-pazjenti għandhom ikunu aktar paċenzjużi u jagħmlu t-testijiet neċessarji qabel jirrikorru għal din it-tip ta’ mediċina.

Dan l-istudju kien ibbażat fuq informazzjoni miġbura minn kważi 240,000 żjara għand it-tabib u fid-dipartimenti tal-emerġenza fl-Istati Uniti.