Filmat: X’wassal biex inbidel l-Isqof Mario Grech?

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li kien hemm żewġ affarijiet li għenuh biex jinbidel minn wara r-referendum fuq id-divorzju. L-Isqof Grech kien qed iwieġeb mistoqsija tal-RTK.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK, qal li “l-proċess ta’ maturazzjoni” li għenu fl-evoluzzjoni ta’ ħsiebu kien influwenzat mill-kuntatti li kellu waqt iż-żjara pastorali fil-parroċċi kif ukoll mill-“fattur Franġisku” .

L-Isqof Mario Grech spjega kif iż-żjarat pastorali li għamel fuq medda ta’ tliet snin, wassluh biex jagħmel kuntatt ma’ ħafna realtajiet li ma setax jiltaqa’ magħhom li kieku baqa’ fl-uffiċċju tiegħu. Semma li x’ħin tidħol fil-ħajja tal-bniedem, issib Vanġelu ieħor tal-bniedem minbarra dak miktub. Issib, qal l-Isqof Grech, universita oħra li tgħallmek ħafna dwar il-ħajja kif jgħixuha n-nies kulljum bit-tamiet, biżgħat, ferħ u t-tbatija li jgħaddu minnha.

Sostna li huwa importanti li  kull bniedem, anke l-isqfijiet jevolvi bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jdawwalna.

L-Isqof t’Għawdex tkellem ukoll dwar “il-fattur Franġisku”. Huwa irrefera għall-effett li ħalla fuqu l-Papa bil-mod kif irid ibiddel il-Knisja. L-intervistatur Fr Joe Borg irrimarka li d-diskors li kien għamel l-Isqof Grech fis-Sinodu tal-Familja u li fih appoġġja ħafna lill-Papa Franġisku kien milqugħ tajjeb ħafna. L-Isqof Grech qal li l-esperjenza tas-Sinodu tal-Familja u l-Papa Franġisku immarkawlu ħajtu.

Meta mistoqsi dwar id-deċiżjonijiet iebsa li jkollu kultant jieħu, semma li huwa importanti li l-isqof ma jitqabbilx ma’ xi CEO jew maniġer ta’ kumpanija. Madankollu qal li d-deċiżjonijiet li jieħu, jagħmilhom kollha bħala frott tat-talb u ma jiddejjaqx jgħid li ħa deċiżjoni żbaljata.

Temm jgħid li xi drabi l-ministeru tal-Isqof huwa wieħed li jpoġġih fis-solitudni għax l-Isqof m’għandux għand min imur għax il-barmil jieqaf għandu.