Xurban u se ssuq xorta? B’dan l-apparat mhux se tkun tista’

Il-Parlament Ewropew approva regoli ġodda li jikkonċernaw is-sigurtà fis-sewqan. Waħda minnhom hi li jkun hemm apparat tal-alkoħol marbut mal-istartjar tal-vettura.

Elementi oħra ta’ sigurtà huma sistema ta’ twissijiet f’każ ta’ veloċità eċċessiva, jew f’każ li sewwieq ikollu n-ngħas jew ikun distratt, sinjal f’każ ta’ waqfien f’daqqa, detezzjoni jekk il-vettura tkun qed timxi lura, u sistema ta’ reġistrazzjoni tal-avvenimenti (black box). Bosta minn dawn l-elementi ser ikollhom jiġu installati fil-vetturi l-ġodda minn Mejju 2022, u minn Mejju 2024 għall-vetturi l-ġodda tal-mudelli eżistenti.

It-trakkijiet u l-karozzi tal-linja wkoll ser jiġu ddiżinjati biex min jimxi fit-triq ikun iżjed viżibbli għas-sewwieq.  Dawn il-vetturi ser ikollhom teknoloġija li tnaqqas l-blind spots quddiem u ma’ ġenb is-sewwieq.  Din se tiġi obbligatorja minn Novembru 2025 għall-mudelli l-ġodda u minn Novembru 2028 għall-vetturi l-ġodda tal-mudelli eżistenti.

Ir-regoli l-ġodda itejbu wkoll il-ħtiġijiet rigward is-sigurtà passiva, inkluż il-crash tests, kif ukoll il-windskrijns biex titnaqqas is-severità tal-korrimentigħall-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti.   It-type approval tat-tyres ser tittejjeb ukoll biex jiġu ttestjati t-tyres użati.

Ir-regolament issa jrid jiġi approvat mill-ministri tal-Unjoni Ewropea.