Xufiera tal-linja jiċċekkjaw il-fire extinguishers kuljum

Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja qed jiċċekkjaw il-fire extinguishers kuljum.
Il-Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal dan fil-Parlament fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari li sarulu mid-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina wara li karozza tal-linja qabdet, iktar kmieni din is-sena, f’Burmarrad.
Joe Mizzi qal li x-xufiera, bħala parti mill-proċedura li tuża l-kumpanija Malta Public Transport Services, ta’ kuljum jiċċekkjaw il-fire extinguishers u b’mod partikolari jaraw li l-locking pin u s-siġill tiegħu mhux minsus, li l-indikatur tal-pressa jimmarka fejn suppost, jiżguraw li l-fire extinguishers huma mimlija billi jiċċekkjaw il-piż tagħhom, u jiċċekkjaw id-data tas-service li  jkun imiss biex ikun assigurat li l-apparat jingħata s-service kif suppost.
Il-Ministru qal li wara l-inċident f’Burmarrad, ġew iċċekkjati l-fire extinguishers kollha biex jiġi assigurat li kollha qed jaħdmu sew filwaqt li l-operatur tat-trasport pubbliku ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema nvoluti fl-operat biex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru spezzjonijiet ta’ kuljum fuq il-karozzi tal-linja.
Qal ukoll li minn dakinhar, karozzi tal-linja li jidħlu fl-engineering depots minħabba bżonnijiet ta’ manutenzjoni jew tiswija qed ikollhom il-fire extinguishers iċċekkjati u l-managers ta’ kull depot qed jagħmlu spezzjonijiet frekwenti fuq il-vetturi biex jiġi assigurat li l-fire extinguishers jkunu fi stat tajjeb ta’manutenzjoni.
Spjega li fil-każi fejn dawn il-fire extinguishers ma jinstabux f’kundizzjoni tajba, jiġu sostitwiti immedjatament.
Spjega wkoll li x-xufiera, sa mill-ewwel ġurnata ta’ taħriġ li jingħataw mill-kumpanija, jiġu mgħallma dwar l-importanza li x-xarabank tiġi ċċekkjata ta’ kuljum. Parti minn dan il-proċess jinkludi tagħlim dwar kif wieħed għandu jiċċekkja l-fire extinguisher, kif ukoll tagħmir ieħor relatat mas-sigurtà tal-vettura fit-triq.