Xufier tilef il-kontroll tal-karozza tal-linja u jitla’ ċint fil-Mosta

Aġġornat 09:45 AM

Read in English.

Xufier ta’ karozza tal-linja baqa’ dieħla ġo ħajt fit-telgħa ta’ San Ġużepp tat-tarġa u riżultat tal-impatt qawwi baqa’ tiela’ fuq ċint ma’ ġenb it-triq.

Jidher li ħadd ma weġġa’ fl-inċident li seħħ dalgħodu għal ħabta tas-7.30 am fit-telgħa li minn Burmarrad tagħti lejn l-Mosta.

Kelliem għall-Malta Public Trasport qal lil newsbook.com.mt li l-kumpanija fetħet investigazzjoni fuq l-inċident. Hi qalet li ħadd ma weġġa’ fl-inċident.

Hi qalet li is-sigurtà tibqa’ bħala priorità assoluta għal kumpanija li tant li ħadmet biex jitnaqqsu l-ammont ta’ inċidenti. Il-kumpanija qalet li fl-2019, l-inċidenti naqsu b’15 fil-mija mqabbla mas-sena ta’ qabel.

“Minkejja li dawn huma riżultati nkoraġġjanti, se nibqgħu naħdmu nkomplu naqsu l-inċidenti,” hi saħqet.