Xufier akkużat li sawwat tnejn b’martell

Miguela Xuereb

Read in English.

Xufier tressaq il-Qorti akkużat li aggredixxa żewġ irġiel b’martell nhar l-ewwel tas-sena waqt argument f’Paceville.

Christian Lawrence Desira  miż-Żejtun stqarr li mhux ħati għall-akkużi li weġġa’ b’mod gravi lil Mircea Ladariu, Rumen ta’ 35 sena u Luis Pierino Vargas, Kolombjan ta’ 45 sena f’inċident li seħħ fit-3.20 ta’ filgħodu nhar l-Ewwel tas-Sena.

Kien Desira li ta ruħu f’idejh fl-Għassa ta’ San Ġiljan fejn irrapporta li kellu argument ma’ żewġ persuni. Waqt l-inċident Ladariu sofra ġrieħi u l-Pulizija talbet l-assistenza medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija rriżulta li kien qam argument bejniethom fi Triq San Ġorġ u allegatament, ir-Rumen sofra daqqiet ta’ martell.

Mill-isptar, Ladariu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

Desira ngħata l-libertà proviżorja mill-Magistrat Doreen Clarke fuq depożitu ta’ €500 u €3,000 garanzija personali. Ir-raġel irid jiffirma l-għassa darbtejn f’ġimgħa.

Għal akkużat dehru l-avukati France Debono u Fraancesca Zarb.