Xufier tal-linja ferut fil-venda

Xufier tal-linja ta’ 40 sena mill-Belt Valletta qala’ daqqa ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta fil-venda tal-linja.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-każ seħħ għall-ħabta tat-8.30 tal-bieraħ filgħaxija.
Hu mifhum li l-argument beda ftit tal-jiem ilu u kompla lbieraħ hekk kif inzertaw lil xulxin fil-venda tal-Belt.
Skont il-Pulizija, minkejja li kien liebes l-uniformi tal-Malta Public Transport, l-argument ma kienx relatat ma’ xogħlu u ma seħħx fil-ħin tax-xogħol tiegħu.
Ix-xufier ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.
Kelliema għall-Malta Public Transport qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-MPT jikkundanna dan l-att aggressiv fuq ix-xufier. Żiedet tgħid li l-kumpanija se tikkopera mal-Pulizija kif ukoll se jipprovdu l-filmati mill-kameras tas-sigurtà biex jgħinu fl-investigazzjoni.